Is-sbuħija tal-Mellieħa

 Is-sbuħija tal-Mellieħa

Il-Mellieħa huwa wieħed mill-isbaħ irħula pittoreski li nsibu f’pajjiżna. Huwa purament it-Tramuntana ta’ Malta. Il-popolazzjoni fiha taqbeż it-12,000 ruħ. Hija magħrufa għat-turiżmu, għall-bajjiet sbieħ speċjalment dik tal-Għadira, l-ambjent naturali u anke s-sett tal-film popolari Popeye, magħruf bħala Popeye Village.

L-isem Mellieħa huwa riżultat tal-għerq semitiku: m-l-ħ li tfisser melħ. Jista’ jkun li dan ġej mill-fatt, li bil-bajja tal-Mellieħa kien hemm is-salini tal-melħ li jmorru lura għaż-żmien Puniku Ruman. F’dan is-sit illum insibu r-Riżerva Naturali tal-Għadira.

Bla dubju, kull raħal f’pajjiżna għandu l-istorja tiegħu u mhux inqas il-Mellieħa. L-Għerien huma ferm famużi fil-Mellieħa tant li jingħadd, li meta San Pawl ħabat mal-gżejjer, kien għadda minn għerien Melliħin u penġa l-figura tal-Madonna fuq il-blat. Fl-409 AD dan l-għar ġie kkonsagrat bħala knisja u llum dan huwa magħruf bħala s=Santwarju tal-Għar tal-Madonna tal-Mellieħa.

Dan ir-raħal għalkemm jinsab fil-għoli ħafna huwa wkoll viċin ħafna tal-baħar; fatt fil-passat kien ifisser biża’ kbir għall-abitanti ta’ dawk l-inħawi. Kienu jinżlu ħafna pirati Musulmani, li kienu jkaxkru magħhom dak kollu li jsibu fit-triq tagħhom. Għalhekk inħass il-bżonn li l-abitanti jkunu protetti minn dan il-periklu. B’hekk inbnew diversi fortizzi biex dan il-għan jintlaħaq. Fortizza hija bini kbir u għoli li jkollha fiha kanuni biex wieħed jista’ joffri l-ewwel reżistenza kontra l-għadu li jkun ġej.

L-ewwel fortizzi li saru fl–inħawi tal-Mellieħa kienu t-Torri l-aħrax, Torri Vetlem li kellu trunċiera u t-Torri ta’ Sant’ Agata. Dan tal-aħħar inbena mill-Gran Mastru Lascaris fl-1649. F’ dan it-torri kien hemm erba’ kanuni li kienu jintużaw għal skop ta’ difiża. Ħafna minn dawn il-fortizzi illum huma abbandunati jew saħansitra twaqqgħu u tela’ bini ieħor flokhom. Kien hemm torrijiet oħra li nbnew mill-Gran Mastru de Redin. Meta laħaq Gran Mastru ħaseb li tkun xi ħaġa tajba li jdawwar lil Malta kollha fil-partijiet li kien faċli li l-għadu jitla’, b’ kastelli ta’ difiża viċin tal-baħar.

L-iktar torri magħruf fil-Mellieħa huwa t-torri ta’ Sant’ Agata. Id-data li fiha nbena tal-1649 hija miktuba fuq ġewwa ta’ dan it-torri. Dan it-torri huwa wkoll imlaqqam it-Torri l-Aħmar. Dan minħabba l-kulur ħamrani taż-żebgħa li għandu fuq barra. Bħala torri jinsab miżmum tajjeb ħafna. Għalkemm inbena fiż-żmien il-Gran Mastru Lascares, ma kienx hu li ħallas għall-bini tat-torri imma kienet l-Università (il-Gvern tal-Imdina). Iżda l-ordni li jinbena ġiet mill-Kunsill tal-Ordni ta’ San Ġwann. F’ Ġunju tal-1722 il-Kongregazzjoni tal-Gwerra ordnat li jitqiegħdu ħames kanuni u erba’ suldati. It-torri għandu forma kwadra b’ erbgħa torrijiet kbar f’ kull ponta.

Fil-Mellieħa, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Bambina nhar it-8 ta’ Settembru.

Il-Kunsill Lokali huwa mmexxi mis-Sindku Dario Vella, mill-Viċi Sindku John Buttigieg, u mill-Kunsilliera Annabelle Brincat Stellini, Rebecca Bartolo Cutajar, Kurt Buttigieg, Marvin Abela, Gabriel Micallef, Emvin Bartolo u Joe Gauci.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com